Opinjonijiet |
|
Min jidra u min jaċċetta
minn Fr Mark Montebello
Inzertajt żewġ nisa qiegħdin jitkellmu dwar l-ewro u l-bidla tiegħu mil-lira Maltija. Bħal ħafna oħrajn, kienu mħassbin jekk jidrawx il-munita l-ġdida jew le. Waħda minnhom qalet li iva; l-oħra qalet li ma tafx. It-tnejn qablu li, iridu jew ma jridux, ikollhom jaċċettawha bil-fors. Jien ma’ dan ma qbiltx. Qatt ma taċċetta xejn bil-fors. Tidrah bil-fors, iva; imma taċċettah, le. Taċċetta jekk trid.
Il-bniedem li jderri
Il-bniedem jidra kollox. Mill-agħar affarijiet sa l-aħjar. M’hemm xejn — assolutaemnt xejn — li l-bniedem mhux kapaċi jidra. Sa l-akbar ħruxijiet. Sa l-agħar kattiverji ta’ ħaddieħor. Sa l-eqlel mard. Sa l-aktar kundizzjonijiet koroh tal-ħajja. Sa l-aktar nuqqasijiet diffiċli. Kapaċi jidrahom u anki jgħix bihom għal ħafna snin, jekk mhux għal dejjem.
Aħna nadattaw irwieħna għal dak li, irridu jew ma rridux, jiġi ma’ wiċċna fil-ħajja. Fil-fasla tal-ħlejjaq ħajjin, l-adattament huwa s-sigriet suprem tas-sopravivenza. Mhux biss tal-ġens uman, imma ta’ kull ħlieqa ħajja oħra, [xejjex jew annimali. Is-sopravivenza fiżika hija l-aktar stint bażiku tal-ħlejjaq ħajjin kollha; u magħha, għall-ġens uman, tiġi ukoll is-sopravivenza tal-personalità.
Aħna nidraw kollox — intenni, assolutament kollox — għax b’dan il-mod ma ninqerdux. Ninbidlu skond iċ-ċirkustanzi. Il-flessibbiltà tagħna ta’ adattament hija sorprendenti u impressjonanti.
|
Il-bniedem li jaċċetta
Dan ma jfissirx li naċċettaw dak li jkollna nidraw, ħafna drabi bilfors. Tidra bilfors, iva; imma taċċetta jekk trid. Li persuna taċċetta xi ħaġa jew in-nuqqas tagħha jfisser li tagħti l-assens, l-approvazzjoni jew ir-rikonoxximent tagħha għal dik il-ħaġa; assens, approvazzjoni jew rikonoxximent mhux biss estern, imma ukoll intern.
Li persuna taċċetta xi ħaġa internament, jiġifieri fil-qiegħ ta’ qalbha, ifisser li dik il-ħaġa jew in-nuqqas tagħha tammiraha, tappoġġjaha u anki tissanzjonaha.
Aċċettazzjoni bħal din tfisser li persuna tagħmel tagħha dak li jkun ġie impost fuqha bilfors; dak li, bis-sewwa jew bid-dnewwa, kellha bilfors tidra tgħix biha jew mingħajrha. Tfisser li, li kieku dik il-persuna kellha rajha għal kollox f’idejha, kienet tagħżel li ġġarrab l-istess ħaġa jew in-nuqqas tagħha.
Sitwazzjonijiet eħfef
Minn dan jidher li, għalkemm ħafna drabi jiġrulna affarijiet li bilfors ikollna nidraw ngħixu bihom jew mingħajrhom, f’qiegħ qalbna aħna xorta waħda ma naċċettawhomx. Daqskemm l-ewwel tiġrib ma jiddependix mir-rieda tagħna, daqshekk ieħor tiddependi esklussivament fuq ir-rieda tagħna l-aċċettazzjoni tiegħu.
Naturalment, l-aċċettazzjoni tiffaċilita ħafna l-għajxien ta’ l-esperjenza li jkollna nidraw bilfors; imma dan mhux dejjem ikun possibbli. Ġieli bniedem anki jagħmel deċiżjoni ferma li, dak li jkun ġie impost fuqu ta’ bilfors, jibqa’ ma jaċċettahx għal dejjem. Dan xi kultant ikun importanti u anki essenzjali għas-sopravivenza tiegħu.
Mhuwiex neċessarju li dejjem naċċettaw dak li jkollna bilfors nidraw ngħixu bih jew mingħajru. Anzi, xi kultant ikun assolutament neċessarju bil-kontra.
Ħajja aħjar
Il-bniedem jidra jew jaċċetta għax, mhux biss irid jgħix fiżikament, imma wara kollox anki jgħix ferħan u b’mod sabiħ. Naturament, iċ-ċirkustanzi mhux dejjem jippermettulna nagħmlu dan għal kollox. Anzi, xi kultant ċerti ċirkustanzi jirrovinawlna għal kollox l-ferħ li jista’ jkollna jew is-sbuħija ta’ ħajjitna.
Madanakollu, xorta waħda nibqgħu dejjem nixxennqu għall-ferħ u s-sbuħija, ikunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna. Mhux darba jew tnejn li bniedem jiġi ffaċċjat bil-ħażen ta’ sitwazzjoni li ma jkunx jista’ jevita u għalhekk ikollu jidrah u jgħix bih. Imma jiena nħoss li l-ħażen, speċjalment dak li jmur kontra l-kuxjenza tagħna, ma għandna naċċettawh qatt. Nidrawh, iva, għax bilfors; imma mhux naċċettawh. Anzi, id-dmir suprem tagħna jkun li f’qiegħ qalbna ma naċċettawhx. B’hekk ikun dejjem ta’ ħaddieħor, imma ma jsir qatt tagħna.
Il-ħajja taf tkun diffiċli u xi kultant kattiva. Ħafna drabi jkollna nissaportu sitwazzjonijiet u ċirkustanzi għal ħafna snin. Imma m’għandna qatt inċedu din il-libertà ta’ aċċettazzjoni li għandna f’qiegħ qalbna. Din il-libertà ma jista’ jeħodhielna ħadd, jekk ma nagħtuhielux aħna stess. Dan m’għandna nagħmlu qatt.
Tidra bil-fors; taċċetta dejjem jekk trid.
|
|
|
Make-up Sajfi...
ehra kompluta titlob make-up addattat skond il-ħin tal-ġurnata, il-kulur tal-ġilda u x-xagħar u l-ħwejjeġ, speċjalment il-kuluri tagħhom. Is-Sit tkellmet ma’ Claire Chetcuti, beauty therapist, fejn tlabniha tagħtina ftit pariri dwar il-make-up għal dan is-sajf, liema huma l-kuluri prinċipali u kif għandna nirrelatawhom mal-kuluri tal-ħwejjeġ. Speċjalment il-kuluri in voga dan is-sajf, li huma ftit vibranti – bħall-oranġjo, isfar, aħdar, shocking pink. |
|
X’inhuma l-kuluri għal dan is-sajf?
L-isfar, il-kannella u l-aħdar – u l-kuluri kollha li joħorġu minnhom bħall-aquamarine. Fuq bażi oranġjo jew aħdar. Però trid timxi mal-kulur tal-ġilda tiegħek u l-ħwejjeġ li tkun se tilbes.
Bħala lipsticks?
L-iktar kuluri in-voga huma l-kannella u l-oranġjo.
X’kuluri tista’ tilbes magħhom?
L-isfar, kannella, aħdar, oranġjo, cream – u l-kuluri kollha li joħorġu minnhom bħall-khaki.
Per eżempju: fuq ħwejjeġ oranġjo għandek tapplika warm colours bħall-kannella.
Fis-sajf xi ftit jew wisq kulħadd jismar u l-foundation jibda jidher ċar wisq. X’tista’ tagħmel?
|
Fis-sajf minflok foundation tista’ tuża bronzer. Tapplikah bi brush jew sponge. Tibda mill-wiċċ u tinżel għall-għonq sa ma tispiċċa għax-xejn. Jew inkella tapplikah fuq il-parti ta’ fuq tal-ġisem kollu, speċjalment jekk ikollok l-ispallejn jidhru u tkun se tidher differenza kbira fil-kulur tal-ġilda.
F’każ li ma tkunx trid tuża bronzer għandek tiskura l-kulur tal-foundation u l-compact powder għax il-ġilda fis-sajf tiskura bix-xemx.
X’kuluri ta’ make-up għandek tapplika meta tkun użajt il-bronzer?
Jekk tuża bronzer għandek tevita l-make-up kannella u minflok tagħżel kuluri li permezz tagħhom il-kulur tal-ġilda jidher aktar vivaċi bħall-aquamarine.
Il-kuluri li għandhom jintagħżlu jekk inti samra jew bjonda?
F’każ ta’ ġilda samra għandhom jintagħżlu kuluri bħar-roża, vjola u blu (cool colours).
Filwaqt li jekk inti bjonda għandek tagħżel kuluri bħall-aħdar, isfar u oranġjo (warm colours).
Xagħar aħmar, isfar jew iswed... x’kuluri ta’ make-up għandek tagħżel għal magħhom?
L-eyeshadow iswed u abjad imorru fuq kollox għax huma kuluri newtrali. Max-xagħar aħmar – make-up kannella, aħdar, isfar.
Max-xagħar isfar u kannella ċar – il-warm colours kollha.
Max-xagħar iswed jew kannella skur – il-cool colours kollha.
Is-self-tanning creams jew sprays. Kif għandhom ikunu applikati?
Is-self-tanning creams jew sprays joffrulek dehra ta’ smurija mingħajr ma tagħmel ħsara lill-ġilda bix-xemx jew sunbeds. Kulħadd jista’ japplika s-self-tanning cream jew sprays. M’hemmx età. Issib diversi kuluri differenti. Importanti li qabel tużah tapplika scrub. Filwaqt li wara tibda tapplika l-body lotion kuljum biex idum iservik aktar. Normalment idum bejn seba’ u għaxart ijiem. |
|
|
|
|
|
|