Ċinema
Crazy Beautiful

Crazy/Beautiful (2001)

Film dwar koppja żagħżugħa li titratta dwar il-problemi tradizzjonali tar-razziżmu u ta' klassijiet soċjali differenti. L-istorja hija dwar tfajla sinjura, li hija wkoll bla kontroll ta' xejn, li tiltaqa' ma' ġuvni li ġej minn familja relattivament fqira. Ġuvni Messikan-Amerikan li dejjem iġib l-aħjar marki fl-iskola. Ir-relazzjoni tagħhom tirriżulta f'waħda ta' mħabba u ta' passjoni iżda wkoll relazzjoni b'ħafna differenzi fil-kultura u fil-valuri.
Nicole hija tfajla ta' 17-il sena. Ma kienx hemm liġi waħda li għamlilha missierha li ma kisritx. Carlos huwa student fqir b'ħafna ħolm li kull filgħodu jistenna sagħtejn fuq tal-linja biex jasal fl-iskola, li tinstab ġewwa Los Angeles fl-Amerka, f'parti sinjura tal-belt. Il-ħbiberija tagħhom twassal għal relazzjoni enerġetika, passjonali u ta' mħabba, iżda l-aġir irrazjonali ta' Nicole joħloq ħafna problemi kemm għar-relazzjoni tagħhom, kif ukoll għall-futur promettenti ta' Carlos.
Jirnexxielhom jibqgħu flimkien u jżommu din il-passjoni intensa minkejja hemm ħafna oġġezzjonijiet mill-familji tagħhom? Carlos ikollu jkompli l-futur tiegħu mingħajr Nicole? Dan il-film joħloq sorpriża wara l-oħra u jżomm lil kull minn jarah fuq ix-xwiek biex jara x'se jsir minn din il-koppja. ‘Crazy/Beautiful' ġie deskritt bħala film tipiku Amerikan taż­-żgħażagħ, iżda ħafna aktar reali u jmiss il-problemi vera li jiltaqgħu magħhom iż-żgħażagħ.
Id-direzzjoni tal-film hija ta' John Stockwell, u naraw lill-attriċi Kirsten Dunst fil-parti ta' Nicole u lil Jay Hernandez fil-parti ta' Carlos. Kemm Kirsten Dunst kif ukoll Jay Hernandez irċievew ħafna kummenti tajbin dwar il-parti tagħhom f'dan il-film.


Fight Club

Fight Club (1999)

‘Fight Club' huwa film Amerikan li ġie bbażat fuq ktieb li jġib propju l-istess isem. Dan il-film huwa kummiedja satirika mmens fejn jittratta il-kunflitt li hemm bejn il-ġenerazzjoni taż-żgħażagħ u s-sistema tar-reklamar. Il-vjolenza li hemm fil-film għandha sservi bħala metafora għall-kunflitt preżenti li hemm fl-istess ġenerazzjoni.
In-narratur tal-film, l-attur Edward Norton, huwa raġel normali li jaħdem f'kumpanija tal-karozzi u jmur fuq is-siti ta' l-aċċidenti biex jara kemm jiswa' flus l-aċċident. It-tabib tiegħu jirrifjuta li jikteb preskrizzjoni għall-insomnja tiegħu u minflok, jissuġġerixxi biex imur fi grupp ta' sapport għan-nies li jbatu minn tip ta' kanċer biex b'hekk japprezza x'inhi l-vera tbatija. Filfatt, meta n-narratur, li qatt ma naraw ismu propju għax irid jirrappreżenta lill-ġenerazzjoni sħiħa, jattendi għal dawn il-laqgħat huwa jħossu mportanti u bla problema, u jirnexxielu jorqod fil-fond id-darba ta' wara li jipprova jorqod. Huwa tant iħossu tajjeb matul dawn il-laqgħat li jippretendi li għandu aktar mard biex ikun jista' jkompli jattendi għal dawn il-laqgħat. Madanakollu, din ir-rutina tisfaxxa fi problema għalih meta jara lil Marla Singer, mara li huwa ċert li mhux vera għandha dawn il-problemi. Ikun f'dan il-mument li l-insomnja terġa' tirritorna għan-narratur.
Ftit wara, in-narratur jiltaqa' ma' Tyler Durden fuq l-ajruplan. Durden huwa ħaddiem f'kumpanija tas-sapun u jkun qiegħed mat-triq għal-laqgħa tax-xogħol. Huma jsiru ħbieb u n-narratur ifittxu għall-għajnuna meta jasal id-dar u jsib l-appartament tiegħu f'biċċiet minħabba bomba li seħħet waqt li kien qiegħed imsiefer. Tyler jaċċetta li n-narratur jgħix għandu, bil-patt u l-kundizzjoni li n-narratur itih daqqa ta' ponn. Minn daqqa ta' ponn waħda, dawn it-tnejn jidħlu fi ġlied li għalihom ikun divertenti. Huwa f'dan il-mument li dawn it-tnejn jiddeċiedu li joħolqu grupp tal-ġlied (fight club) madwar il-pajjiż.
Madankollu dan il-proġett jibda' jieħu xejra ftit aktar negattiva milli ħasbu. Durden isir il-mexxej tal-grupp, u ta' spiss iħalli lin-narratur barra mill-proġetti tiegħu. Il-grupp dejjem iżid fl-atti distruttivi ta' anti-kapitalisti madwar il-belt kollha. Argument iseħħ bejn in-narratur u Durden meta wieħed mill-membri tal-grupp imut waqt ġlieda tal-grupp. Durden jisparixxi u n-narratur jipprova jagħlaq dawn il-gruppi ta' ġlied. Huwa jipprova jimxi wara l-passi ta' Durden biex jagħlaq il-gruppi ta' ġlied kollha li hemm fil-pajjiż, iżda jkun f'dan il-mument li parteċipant tal-grupp jgħajjatlu ‘Tyler Durden'. F'dan il-mument, huwa jċempel lil Marla, il-mara li kien ra waqt il-laqgħat ta' sapport, u li f'mument waqt il-film isalvaha mill-problemi tad-droga u jkollhom relazzjoni, fejn hi tikkonferma l-identita' propja tiegħu. In-narratur hawn jirrealizza li Tyler Durden huwa l-alter ego tal-personalita' doppja tiegħu. Dak il-ħin, Tyler jidher quddiemu u jgħidlu li huwa jikkontrolla l-ġisem tan-narratur kull meta huwa jkun rieqed.
In-narratur iħossu ħażin, u meta jqum jirrealizza li Tyler ikun ċempel bosta kumpaniji biex ikisser ħafna netwerks finanzjarji. Il-problema tkun li tkun impossibli għalih li jsib pulizija biex jgħinu, propju minħabba l-fatt li l-biċċa l-kbira minnhom ikunu fi grupp tal-ġlied li kien ħoloq hu stess qabel.
Jirnexxielu n-narratur ikisser din l-għaqda li qed toħloq tant problema, jew ikun Tyler li jibqa' jiġri warajh li jħawwdu wisq? Film maħdum b'intelliġenza tremenda li jekk wieħed kapaċi jaqra l-messaġġ li għandu x'joffri tassew, għandu japprezza l-ħsieb kollu li hemm madwaru.


copyright 2008 - www.werrej.com